Wednesday, 11 November 2009

Bagit li Huwa Skars mill-Kredibilita

Bagit li Huwa Skars mill-Kredibilita

11 ta’ Novembru 2009

L-Orizzont

Alfred Mifsud

L-ekonomist Alfred Mifsud qal li l-Baġit għall-2010 huwa skars mill-kredibilitā. Hu qal li l-Ministru Tonio Fenech għandu rekord tal-aktar Baġit li mar żmerċ. Fakkar kif sena ilu qalilna li l-ekonomija Mal­tija se tikber bi 2.4% f'termini reali fl-2009, iżda s'issa nafu li minflok, din se tiċkien bi 2%.

Sena ilu, żied jgħid Alfred Mifsud, il-Ministru Fenech qalilna li d-defiċit għas-sena 2008 li kien fadlilha inqas minn xahrejn biex tispiċċa kellu jkun ta' €200 miljun.

Minflok spiċċa €233 miljun, li jfisser li għal perjodu ta' tmin ġimgħat neqsin żgarra b'16.5%.

Fakkar ukoll li Fenech sena ilu qalilna li d-defiċit għas-sena 2009 kellu jkun ta' €99 miljun, iżda issa nafu li se jkun ta' €258 miljun, aktar mid-doppju u nofs. Dan min­kejja li n-nefqa kapitali se tkun €44 miljun inqas minn dak li kien ippjanat.

"Sena ilu Tonio Fenech qalilna li sas-sena 2011 id-defiċit kellu jispiċċa għal kollox u minflok ikollna 'budget surplus', iżda issa nafu li se nistennew sas-sena 2012 biex id-defiċit jinżel għal taħt it-3% tal-Prodott Gross Doestiku (PGD)."

F'kumment lil l-orizzont dwar id-diskors tal-Baġit, l-ekonomist Alfred Mifsud qal li "huwa minnu li d-dinja għaddiet minn kriżi finanzjarja li ħassret ħafna mill-previżjonijiet li kienu saru, iżda din mhix ġustifikazzjoni għall-iżgarr kbir li ġarrabna fl-2009 imqabbel mal-Baġit li ġie ppreżentat sena ilu, għax sena ilu konna diġā fil-qalba tal-kriżi u kien jidher ċar li riċessjoni internazzjonali kienet inevitabbli.

"Ili nikteb li l-Baġit tas-sena l-oħra kien ibbażat fuq il-ħolm u kont bassart li d-defiċit reali kien se jkun darbtejn jew tliet darbiet aktar milli dak ipproġettat. Ma mortx żmerċ!" żied jgħid Mifsud.

Hu qal li meta wieħed jiġi biex jeżamina l-Baġit għas-sena 2010 "ma tantx nistgħu noqogħdu fuq iċ-ċifri għax ir-rekord tal-Ministru jurina li ma tantx għandu kredibilitā biex jipproġetta l-andament ekonomiku b'mod reali. Apparti minn hekk, issa saret normali li ħafna inizjattivi jissemmew biex ikollna diskors twil u fil-prattika, speċjalment f'dak li huwa infieq kapitali li tant huwa bżonnjuż biex joħroġna mir-riċessjoni, iżda dak li jkun ipproġettat ma jitwettaqx."

Mifsud żied jgħid li ħafna mill-miżuri tajbin li fih il-Baġit għas-sena 2010 kienu jkunu ferm adattati kieku ttieħdu s-sena l-oħra għax konna nkunu ħadna l-medi­ċina li toħroġna qabel mir-riċessjoni, iżda issa li waqajna lura se nbatu biex nirkupraw.

"Lanqas ma nifhem kif il-Gvern ħabbar il-kumpens għaż-żieda tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma bla ma ħabbar kemm se jogħlew dawn il-kontijiet. Din l-inċertezza ma tgħinx, la biex isiru l-investimenti li joħorġuna mir-riċessjoni u lanqas biex il-familji tagħna jkunu jafu x'jistgħu jonfqu u x'jeħtieġ li jwarrbu. L-iskuża li r-regolatur ma riedx li l-Enemalta tippubblika l-proposti tar-rati qabel ma japprovahom huwa ma tikkonvinċix. L-Enemalta għand­ha d-dover tinforma lill-pubbliku x'qiegħda tipproponi u r-regolatur għandu jkollu l-fibra u l-awtonomija biex japprova biss dak li jidhirlu xieraq, irrispettivament jekk ġiex ippubblikat jew inżamm sigriet."

Mifsud jissokta jgħid ukoll li l-argument tal-Gvern li la ż-żejt għola minn barra bilfors ikollu jgħaddi dan l-għoli lill-konsumatur jagħmel sens sa ċertu punt. Qal li sussidji għat-tul jafu jkunu kontraproduċenti għax ma jippermettux li jsir l-aġġustament tal-konsum biex tissaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Iżda l-Gvern ma jistax ikun pustier bejn il-konsumatur u s-swieq internazzjonali.

"X'żamm lill-Gvern u l-Enemal­ta milli jagħmlu 'hedging' għat-tul meta l-prezz taż-żejt niżel għal $40 fl-ewwel kwart ta' din is-sena? Xi jżomm lill-Gvern milli jagħmel 'price smoothening' biex ma jagħtix skossi lill-ekonomija u niġġudikaw il-prezz taż-żejt fuq perjodu twil fejn meta jorħos ħafna nġemmgħu biex nagħmlu 'cushion' għal meta jogħla ħafna," tenna l-ekonomist.

"Taħt Gvern Laburista tas-snin 80 il-'price smoothening' kien isir mhux biss fl-enerġija, iżda wkoll fil-qmugħ u l-provvisti essenzjali oħrajn."

Mifsud wera simpatija mal-argumenti tal-azjendi li qegħ­din jilmentaw li żieda fil-COLA ta' €5.82 fil-ġimgħa għas-sena 2010 qiegħda tippre­ġudika l-kompe­tittivitā tagħna f'dinja mgħattna mir-riċessjoni.

Hu temm jgħid li wasal iż-żmien li din is-sistema peri­ko­­luża tindifen għall-inqas fejn jeżisti ftehim kollettiv u l-pagi tal-ħaddiema koperti minn ftehim kollettiv ikun stabbilit b'negozjati bejn l-unjin u l-prinċipal wara li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li ż-żidiet ikunu relatati ma' żidiet fil-produttivitā.


 

 

 

No comments:

Post a Comment